L-Għaqda Ġurnalisti Sports bi pjaċir tħabbar li b’kollaborazzjoni ma’ ILab Photo Ltd se torganizza wirja fotografika bis-sehem ta’ wħud mill-aqwa fotografi sportivi lokali li huma Martin Agius, Domenic Aquilina, Christine Borg, Dominic Borg, Jonathan Bugeja, Alex Buttigieg, Raffaela Colacecchi, Angie Conti, Timmy Cutugno, Carl Farrugia, Elena Grech, Patrick Pace and Walter Sargent.

Fil-wirja se jiġu esibiti madwar 78 ritratt meħuda mill-fotografi msemmija aktar qabel, li huma kollha membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Ritratti li jkopru sensiela ta’ dixxiplini u avvenimenti sportivi lokali u internazzjonali ta’ dawn l-aħħar xhur jew snin.

L-istampar tar-ritratti sar kollu kemm hu professjonalment minn ILab Photo ta’ Ħal Qormi.

Il-wirja se tittella’ taħt il-patronċinju tal-Onor. Anġlu Farrugia M.P., Speaker tal-Kamra tad-Deputati u ser tittella’ fil-intrata tal-Parlament ta’ Malta bejn it-Tnejn 25 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 12 ta’ Awissu 2022.

Il-ftuħ uffiċjali se jsir nhar it-Tnejn 25 ta’ Lulju 2022, fis-7pm mill-Onor. Speaker tal-Kamra tad-Deputati, fil-preżenza ta’ membri tal-Kabinett taż-żewġ naħat, membri tal-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Charles Camenzuli President tal-AIPS Europe u mistednin oħra distinti. Il-mistieden specjali għall-ftuħ tal-esebizzjoni se jkun il-fotografu professjonali Tuneżin u membru tal-AIPS Mohamed Fliss.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta minn nhar it-Tlieta 26 ta’ Lulju, mit-Tnejn sas-Sibt bejn id-disgħa ta’ filgħodu (9am) u s-sebgħa ta’ filgħaxija (7pm) u fil-Ħdud bejn id-disgħa ta’ filgħodu (9am) u n-nofsiegħa ta’ waranofsinhar (12:30pm).