Wara t-tnedija uffiċjali tal-Malta Fair Play Movement, l-iStanding Committee iffurmat minn Joe Borg Cardona, Kevin J Azzopardi, Pierre Cassar, Dr Adele Muscat u ċ-Ċermen Charles Camenzuli, ħabbru l-ewwel TGS Malta Fair Play Award b’mod konġunt mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u sponsorjat minn Together Gaming Solutions.

Zurrieq FC Futsal ġew mogħtija l-ewwel premju għall-perjodu bejn Jannar u Marzu tas-sena 2021.

Il-ġest altuwistiku min-naħa ta’ Zurrieq FC Futsal seħħ waqt logħba tal-kampjonat tal-futsal lokali fit-23 ta’ Jannar 2021 kontra St. George’s, wara li ħallew lill-avversarji jiskurjaw biex jikkompensaw għall-gowl li skorjaw waqt li plejer ta’ St. George’s kien imweġġa’ fil-court. Hemm ukoll vidjow fuq il-midja soċjali li jiddokumenta dan il-ġest. Il-premju ġie preżentat lill-Head Coach Alexei Saliba u l-Vice-Captain Luke Bugeja ta’ Zurrieq FC Futsal li kienu preżenti dakinhar li seħħ il-ġest altruwistiku.

Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju 2021 fis-2pm fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipariment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, Edward Licari Direttur u Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Solutions, fl-uffiċini tagħhom f’San Ġiljan.