L-Għaqda Ġurnalisti Sport tinnota b’sodisfazzjon li wara l-appell ta’ diversi assoċjazzjonijiet tal-Isport u anke mill-Kumitat Olimpiku Malti, l-Gvern u l-awtoritajiet tas-Saħħa se jillaxkaw fuq diversi miżuri relatati mal-attività sportiva fil-pajjiż.

Id-deċiżjoni li jista’ jiġi prattikat sport individwali fuq barra u taħriġ fi gruppi sa sitt individwi minn nhar il-Ġimgħa kienet deċiżjoni li l-maġġoranza tal-Isportivi apprezzaw immens.

L-Għaqda Ġurnalisti Sport hi konxja tal-fatt li flimkien ma’ SportMalta, l-awtoritajiet tas-Saħħa ġabru u fasslu lista ta’ dixxiplini sportivi li ġew klassifikati bħala sport ta’ riskju baxx, medju u għoli.

Għaldaqstant qedgħin napellaw sabiex din il-klassifikazzjoni tkun pubblikata fl-interess ta’ kulħadd u sabiex kulħadd ikun konxju mir-riskju involut meta se jirritorna għat-taħriġ.

L-Għaqda Ġurnalisti Sport tagħmel appell ukoll sabiex l-istakeholders prinċipali tal-Isport f’pajjiżna jiġifieri s-Segretarjat Parlamentari tal-Isport, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti, ipoġġu madwar mejda mas-Supretendent tas-Saħħa u tobba li jispeċjalizzaw fil-mediċina tal-Isport u jfasslu protokolli mediċi speċifiċi għad-dixxiplini sportivi l-iktar popolari fil-pajjiż jew fi gruppi ta’ ġeneri ta’ dixxiplini sportivi simili.

L-Amministraturi tal-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet tal-Isport għandhom ikunu nvoluti wkoll f’dan il-proċess

L-idea li qed jipproponu xi wħud ta’ protokoll mediku wieħed ‘one size fits all’ għall-attività sportiva kollha f’pajjiżna mhux ideali u tpoġġi s-saħħa tal-atleti u tal-kowċis f’riskju.