Għall-Għaqda Ġurnalisti Sport, is-sena 2018 kienet waħda impenjattiva ħafna.

Il-Kumitat Eżekuttiv kompla jaħdem fuq ix-xogħol li nbeda fis-snin preċedenti u aktar minn hekk, tnehdew inizjattivi ġodda.

Saru laqgħat uffiċjali tal-Kumitat kull xahar, fejn fil-bidu ta’ Ġunju tas-sena l-oħra saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali li fiha ġiet eletta Lorraine Cunningham fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali biex b’hekk inkitbet paġna ġdida fl-Istorja tal-Għaqda bl-ewwel Segretarju u uffiċjal mara.

Minbarra dawn il-laqgħat, il-Kumitat iltaqa’ formalment ma’ diversi Assoċċjazzjonijiet u Federazzjonijiet Sportivi biex joffri l-għajnuna tiegħu rigward rappurtaġġ ta’ attivitajiet u biex ukoll jissaħħu r-relazzjonijiet bejn ż-żewġ naħat. Fost dawn il-laqgħat saret ukoll laqgħa uffiċjali man-National Anti Doping Organisation ta’ Malta.

S’intendi, fil-bidu ta’ kull sena, l-Għaqda Ġurnalisti Sports tkun impenjata bis-sħiħ biex flimkien ma’ SportMalta, jkunu organizzati l-Għażliet Sportivi Nazzjonali, attività li tkun segwita b’sensiela ta’ żjarat ta’ kortesija tar-rebbieħa għand is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Sport Clifton Grima kif ukoll għand il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia. Saret ukoll il-preżentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja lir-rebbieħa mill-kumpanija Maltco Lotteries u dan grazzi għall-wieħed mill-isponsors uffiċjali tal-Għaqda.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports kellha rwol attiv fil-President’s Solidarity Fun Run 2018 fejn flimkien ma’  SportMalta, ingħatat l-għajnuna kemm fl-organizazzjoni kif ukoll waqt il-mixja ta’ solidarjetà.

Is-sehem tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, fil-ġbir tal-fondi b’riżq il-Fondazzjoni Community Chest Fund ma naqasx, fejn għal darb’oħra ġie organizzat il-Boxing Day football tournament bil-parteċipazzjoni tat-tims mill-Malta Football Association, il-Malta Football Coaches Association u l-Malta Football Referees Association apparti t-tim iffurmat mill-ġurnalisti tal-isport.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet attivà u pparteċipat bis-sħiħ fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn bi pjaċir, wara elezzjoni, kien elett bħala Segretarju Ġenerali Nigel Mifsud, ex membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Ħafna mill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports ipparteċipaw fil-Konferenza Nazzjonali, ‘Stop The Fix – Fix The Threat’, organiżżata minn TIM Sport fi ħdan il-Parit Nazzjonalista, kif ukoll kien hemm sehem attiv fil-European Week of Sport u fin-National Sports Forum, li t-tnejn li huma kienu organizzati minn SportMalta.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports żammet b’saħħithom ukoll il-kuntatti tagħha fix-xena internazzjonali fejn għal sena oħra, permezz tal-President Sandro Micallef u s-Segretarju Organiżattiv Antvin Monseigneur, Malta kienet rappreżentata waqt il-Kungress tal-AIPS fi Brussell.

Intant, tibqa’ għaddejja l-ħidma tal-Kumitat Eżekuttiv biex iseħħ il-ħolma ta’ Mużew Nazzjonali għall-isport Malti, proġett li jirrikjedi ħafna ħsieb u ostakli burokratiċi minn diversi entitajiet. Dan ix-xogħol kollu li smajtu li sar b’dedikazzjoni fejn wieħed irid japprezza li l-membri kollha eletti fil-Kumitat Eżekuttiv jaħdmu b’mod volontarju.

Sfortunatament, matul l-aħħar 12 –il xahar, l-Għaqda Ġurnalisti Sports tilfet  tnejn mill-membri tagħha u ex uffiċjali fil-Kumitat Eżekuttiv; Simon Bonello, ex Viċi President għal snin twal u Henry Callejja, it-tieni President fl-Istorja tal-Għaqda. It-tnejn li huma  ħallew legat li żgur se jibqa’ mniżżel fl-Istorja mill-isbaħ tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Intant, bdiet is-sena 2019, sena li se tkun iktar impenjattiva hekk kif l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, se jaħdem biex fix-xhur li ġejjien ikunu ċelebrati żewġ anniversarji importanti fl-Istorja tal-Għaqda, is-60 sena mill-ewwel edizzjoni tal-Isportivi tas-Sena u l-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.