8 ta’ Frar 2019

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tieħu nota tal-kummenti dispreġjattivi li saru fuq facebook mill-eks membru tal-Eżekuttiv tal-GħĠS Cristian Muscat ilbierah 7 ta’ Frar 2019.

Qatt ma kienet l-intenzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv li ċertu diskussjonijiet u deċiżjonijiet tal-kumitat joħorġu fil-pubbliku iżda ġaladarba s-sur Muscat għoġbu jitfa’ fid-dubju l-integrita’ tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tal-Kumitat Organiżattiv tas-SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali, l-Eżekuttiv m’ghandux triq ohra hlief dik li jiċċara l-fatti kif ġej:

  1. Għal perjodu twil ta’ żmien kienu qed jaslu hafna rapporti għand l-GħĠS minn persuni involuti fl-isport, ufficjali, atleti u ġurnalisti oħra, li f’ċertu attivitajiet, speċjalment meta tali attivitajiet ikunu segwiti minn festini, li l-imġieba tas-sur Cristian Muscat ma kenitx tkun waħda denja u tirrifletti mġieba etika kif mistennija mill-ġurnalisti membri tal-GħĠS;
  2. Madanakollu kemm il-President tal-GħĠS Sandro Micallef, kif ukoll membri ohra tal-Eżekuttiv, dejjem ippruvaw jgħinu lis-sur Muscat jipprova jegħleb dawn il-problemi. Dan sakemm l-affarijiet laħqu livelli inaċċettabli waqt ġita li saret f’Għawdex ftit tal-jiem ilu.
  3. Il-President, wara dawn il-fatti, infurma personalment lis-sur Muscat li b’dak li għamel f’Għawdex u f’okkażjonijiet oħrail-pożizzjoni tiegħu fil-Kumitat ma’ kienitx aktar tenibbli.
  4. Kien hemmhekk li s-sur Muscat offra r-riżenja tiegħu minn membru tal-Kumitat Eżekuttiv, liema riżenja kienet diskussa fil-Kumitat Eżekuttiv fejn kien deċiż li tintbgħat ittra lis-sur Muscat fejn fost oħrajn il-Kumitat kien lest jtenni l-offerta tiegħu li jagħti l-għajnuna kollha lis-sur Muscat u jressqu lejn persuni kompetenti li jassistuh professjonalment.
  5. Il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda ukoll li wara li qies l-avvenimenti riċenti u d-diversi rapporti minn Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet lokali li ilhom jilmentaw fuq l-imġeiba u n-nuqqas ta’ professjonalita’ tal-istess sur Muscat iddeċieda li għal din is-sena hu ma kellux jiffurma parti mill-panel ta’ ġurija li jivvotaw waqt l-IsportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali ta’ nhar is-Sibt 23.02.2019.

Il-Kumitat Eżekuttiv jerġa juri d-dispjaċir tiegħu li s-sur Muscat għal darb’oħra minflok għaraf jaċċetta li għandu problema li għandha bżonn tiġi indirizzata, irreaġixxa b’tgħajjir lejn persuni li kull ma għamu sal-lum kien li ppruvaw jgħinuh.

Sfortunatament din ir-reazzjoni ma tistax titħalla għaddejja qisu xejn mhu xejn u għalhekk l-Għaqda Ġurnalisti Sports se tkun qed tieħu dawk il-passi dixxiplinarji meħtieġa fil-konfront tas-sur Muscat li huma opportuni f’dan il-mument, fejn l-apoloġija li saret mis-sur Muscat ser tittieħed in kunsiderazzjoni.

Fil-jiem li ġejjin l-Għaqda Ġurnalisti Sports se tkun qed tinforma uffiċjalment lill-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet  Sportivi kollha inkluż il-Kumitat Olimpiku Malti ir-raġunijiet kollha għaliex ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.