seminar press conf 2Il-Public Broadcasting Services u l-Għaqda Ġurnalisti Sports se jorganiżżaw Seminar Nazzjonali bl-isem “The Development of Sport Services on Television”, bil-kollaborazzjoni ta’ RAI, radiotelevisiva italiana.

Għas-seminar li se jsir it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Ottubru 2014 se jinġiebu Malta żewġ ġurnalisti u kummentaturi tal-futbol ta’ RAI Sport: Dott. Gianfranco Coppola u Stefano Mattei: it-tnejn li huma kontributuri regolari fil-programmi Stadio Sprint, Dribbling, Domenica Sportiva u 90′ Minuto.

Fost il-kelliema tas-Seminar hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ tax-Xandir Pierre Cassar kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo.

Ic-Chairman tal-PBS Dott. Tonio Portughese fisser kif meta ġie avviċinat mill- Għaqda Ġurnalisti Sport dwar din l-inizjattiva kien laqagħha mill-ewwel u immedjatament bdew il-kuntatti mill-PBS sabiex ir-RAI jibgħat żewġ kelliema għas-seminar li se jkun miftuħ għall-ġurnalisti u kontributuri tal-isport kollha u mhux tal-PBS biss. Għal dan il-għan ġie ppreżentat cheque bħala għajnuna mill- PBS lill-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Dott. Portughese qal li l-PBS qed tqis dan is-seminar bħala kontinwazzjoni tal- investiment fl-isport lokali u fil-kummentaturi sportivi tagħha lejn servizz iktar professjonali lit-telespettaturi Maltin u Għawdxin.

Charles Camenzuli President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports appella lill-ġurnalisti kollha jattendu għas-seminar li żgur se jkun ta’ benefiċċju għall-kontributuri lokali speċjalment dawk li jikkumentaw avvenimenti sportivi diretti.

Is-Sur Camenzuli spjega li kif jindika l-isem, il-kelliema Taljani se jkunu qegħdin jgħaddu lill-kollegi Maltin taħriġ essenzjali direttament marbut mar-rappurtaġġ sportiv fuq it-televiżjoni. Żied jgħid li hu ta’ sodisfazzjon ukoll li ż-żewġ kelliema l- oħra jiġifieri s-Sur Cassar u s-Sur Vassallo għandhom esperjenza ta’ ġurnaliżmu u rappurtaġġ sportiv għalhekk il-lectures tagħhom għandhom ikunu ta’ nteress speċjali għall-ġurnalisti sportivi Maltin.

Is-Sur Camenzuli rringrazzja lill-PBS speċjalment liċ-Chairman Dott. Tonio Portughese, lill-Kap Eżekuttiv Anton Attard u lill-Manager Sport tal-PBS Peter Cossai tal-koperazzjoni tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dan is-seminar.

L-appikazzjonijiet għas-seminar jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit www.maltasportsjournalists.com.

24 ta’ Settembru 2014