DSC00021L-Għaqda Ġurnalisti Sports kompliet bis-serje ta’ laqgħat ma’ għaqdiet u entitajiet tal-isport f’pajjiżna meta fil-ġranet li għaddew il-Kumitat Eżekuttiv iltaqa’ mal-għola uffiċjali tal-ASA is-sinjuri Joe Caruana Curran u Marco Manara, President u Segretarju Ġenerali rispettivament.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports għamlet enfażi mhux biss dwar ir-rwol tal-media waqt kompetizzjonijiet tal-ASA u kif sar titjib f’dawk li huma fa`ilitajiet għal media iżda wkoll dwar il-koperazzjoni reċiproka li dejjem eżistiet bejn iż-żewġ entitajiet.

L-GħĠS ilha mill-1995 flimkien mal-ASA tniehdi kompetizzjoni li dejjem tat bidu għall-istaġun tas-sajf liema kompetizzjoni taf il-bidu tagħha wara li l-AIPS kellha l-laqgħat tal-Eżekuttiv f’pajjiżna u bħala rikonoxximent tat-trofew għall-kompetizzjoni biex ta kull sena jitfakkar Jum il-Ġurnalizmu Sportiv Dinji li huwa ċċelebrat kull 2 ta’ Lulju ta’ kull sena jew fl-eqreb ġranet.

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli kellu kliem ta’ tifħir lejn is-segretarjat tal-ASA speċjalment għal mod ta’ kif l-assoċjazzjoni żżomm lill-media aġġornata anke bil-match reports imedjatament wara t-tmiem ta’ kull logħba.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran min naħa tiegħu filwaqt li għaraf ir-rwol importanti li l-media tal-isport għandha biex sport bħalma huwa l-waterpolo, għawm u għawm sinkronizzat jikbru fil-popolarita wiegħed kull koperazzjoni biex ir-relazzjonijiet tajba li dejjem eżistew ikomplu jitjiebu.

L-GħĠS ħadet l-opportunita’ biex estendiet l-awguri għas-successi li t-timijiet nazzjonali tal-waterpolo kisbu fl-aħħar xhur li juri biċ-ċar li meta ssir preparazzjoni denja jaslu wkoll riżultati li jgħamlu ġieh lill-isport Malti.