minn Pamela Schembri f’Londra

Il-VisitMalta Weekender se jinżamm dan il-weekend fi Stamford Bridge, fejn Chelsea se jilagħbu kontra Bayer Leverkusen il-Ġimgħa (kick-off fit-20:00) u AC Milan il-Ħadd (kick-off fl-16:00). Dawn iż-żewġ logħbiet huma parti mill-preparazzjonijiet ta’ qabel l-istaġun ta’ Chelsea hekk kif jibda l-istaġun il-ġdid.

F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-kowċ ta’ Chelsea Enzo Maresca esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar is-suċċessi riċenti tal-klabb, il-preparamenti tal-iskwadra, u l-isfidi taż-żmien qasir tat-taħriġ.

Wara li Chelsea rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs tal-FIFA għat-tieni darba fl-istorja tagħhom, il-plejers reġgħu lura minn vaganza ta’ tliet ġimgħat u bdew it-taħriġ mill-ġdid nhar it-Tnejn li għadda. “Din hija sitwazzjoni unika,” qal Maresca. “Għadna kemm ksibna suċċess kbir, imma l-mistoqsija vera hi: kif se jirrispondu l-plejers? Se jibqgħu għaddejjin b’din il-mewġa ta’ kunfidenza, jew l-għejja se tħalli impatt, hekk kif spiċċajna staġun ta’ 64 logħba?”

Minkejja l-ħin limitat ta’ mistrieħ, l-atmosfera fl-iskwadra hija deskritta bħala pożittiva ħafna. “Hemm ħafna enerġija, il-moral għoli reġa’ lura,” żied jgħid Maresca. “Ħdimna ħafna minn meta rritornajna, u issa kollox huwa ffukat fuq l-irkupru (revovery).” Maresca żvela wkoll li Levi Colwill weġġa’ fit-taħriġ ta’ nhar it-Tnejn, u jista’ jitlef l-ewwel logħba tal-Premier League kontra Crystal Palace tal-ġimgħa d-dieħla.

Meta tkellem dwar il-plejers ġodda, Maresca wera fiduċja fl-istrateġija tat-trasferimenti tal-klabb s’issa. “Jien kuntent bil-players il-ġodda li ffirmajna. Xi wħud, bħal Jamie Gittens, diġà huma familjari mal-pajjiż, iżda għal oħrajn hija transizzjoni kbira. Se nagħtuhom il-ħin biex jadattaw mar-ritmu tal-kampjonat u l-kultura.”

Dwar il-possibbiltà ta’ aktar akkwisti qabel jingħalaq is-suq tat-trasferimenti, Maresca ma kkommettiex. “Kollox jista’ jiġri sakemm it-tieqa tibqa’ miftuħa,” qal. “Aħna dejjem qed insegwu, imma l-prijorità tiegħi hi li naħdem ma’ grupp ewlieni. M’għandix bżonn skwadra kbira – 25 plejer ta’ kwalità huma ideali.”

Wieħed mill-ismijiet li qed iqajmu l-aktar eċitament fost il-partitarji hu Estevão Willian, żagħżugħ ta’ talent mill-Brażil. “Huwa pjaċir tarah jilgħab u jista’ jilgħab kullimkien,” qal Maresca. “Imma ma’ plejers bħal dawn, hemm bżonn nikkontrollaw l-eċitament tagħhom. Għadu żgħir ħafna u ġej minn ambjent kalċistiku differenti ħafna.”

Il-VisitMalta Weekender joffri żewġ logħbiet ta’ livell għoli fi żmien 48 siegħa, Maresca enfasizza li l-attenzjoni se tkun fuq it-tqassim tal-minuti fost il-plejers. “B’differenza minn timijiet oħra, bdejna l-pre-season tard, allura rridu nużaw dawn il-logħbiet b’mod intelliġenti.”

Carlo Micallef, CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u ċ-Chairperson Charles Mangion, ukoll kienu preżenti għal din il-konferenza.

Il-VisitMalta Weekender jirrappreżenta mhux biss opportunità għal Chelsea biex itejbu t-tattika u l-kundizzjoni fiżika tagħhom, imma wkoll ċelebrazzjoni ta’ sħubijiet u destinazzjonijiet internazzjonali fil-futbol. Bl-avveniment ospitat fi Stamford Bridge, jenfasizza lil Malta bħala destinazzjoni vibranti u ta’ klassi dinjija. Il-kollaborazzjoni bejn Chelsea u VisitMalta, qed tkompli toffri lill-partitarji taħlita unika ta’ sport, kultura u turiżmu.

Ritratti: VisitMalta