Nicolai Mallia (Bowling) u Matthew Galea Soler (Atletika) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Lulju.
Nicolai Mallia ta’ 15-il sena rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-Bowling u sar l-iżgħar bowler li qatt rebaħ dan it-titlu. Huwa kellu sfida sal-aħħar minn Kayden Laganà, li rebaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar aktar kmieni din is-sena. Eventwalment Mallia qabeż lil Laganà u ġie fl-ewwel post hekk kif kellu medja inkredibbli ta’ 263.6 fuq l-aħħar ħames logħbiet.
Min-naħa l-oħra Matthew Galea Soler li għandu 19-il sena u li rebaħ dan l-unur f’Lulju tal-2022, kiser żewġ rekords nazzjonali fl-400 metru waqt l-edizzjoni tal-FISU (Fédération Internationale du Sport Universitaire) li saret f’Rhine-Ruhr fil-Ġermanja. Huwa kiseb ħinijiet ta’ 46.82 sekonda u 46.63 sekonda, u sar l-ewwel atleta żagħżugħ Malti li wasal sas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sport kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi (Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sport), Nicolai Mallia, Matthew Galea Soler u Matthew von Brockdorff (Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance).

Leave A Comment