Jake Azzopardi (Kickboxing) u Kayden Laganà (Bowling) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ April.

Jake Azzopardi li għad għandu 11-il sena, huwa ufficjalment l-iżgħar rebbieħ ta’ midalja tad-deheb għal Malta waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Kickboxing ISKA li saru f’Malta. Taħt it-tmexxija ta’ Master Noel Mercieca huwa rebaħ id-deheb fil-kategorija Muay Thai tal-40 kilogramma. Huwa rebaħ ukoll midalja tal-fidda fil Unified Rules u bronż fil-K1 light.

Min-naħa l-oħra, Kayden Laganà li għandu 18-il sena, mhuwiex wiċċ ġdid għal dan l-unur hekk kif rebħu f’Settembru tal-2020 u f’Jannar tal-2021. Lagana’ rnexxielu jirbaħ il-bronż fil-Masters fil-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ fit-Turkija. Fil-fatt huwa għeleb lill-favorit Tork Tuna Boncu iżda fis-semifinali tilef kontra l-Franċiż Timeo Dujardin, li eventwalment rebaħ il-finali b’mod konvinċenti. B’hekk Kayden Laganà spiċċa fit-tielet post b’midalja tal-Bronż.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi (MSJA), Lorraine Cunningham (MSJA), Jake Azzopardi, Kayden Laganà u Matthew von Brockdorff (Atlas).