Nhar Sibt il-Għid filgħodu, l-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) organizzat logħba futbol għall-kawża ġusta flimkien ma’ tim magħmul minn diversi personalitajiet magħrufa fil-qasam tax-xandir lokali. Din il-logħba ntlagħbet fil-ground tal-futbol tal-Imqabba.

Filwaqt li t-tim tal-GħĠS ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 9-4, bl-akbar rebħa tal-ġurnata tkun l-atmosfera ta’ ħbiberija u l-ġenerożità li għaqdet liż-żewġ timijiet sabiex jinġabru fondi għal Puttinu Cares, għaqda volontarja ddedikata sabiex tgħin lit-tfal morda bil-kanċer u lill-familjari tagħhom.

L-GħĠS turi l-apprezzament kollu tagħha lil Mqabba F.C. li minn qalbhom taw mingħajr ħlas il-grawnd tagħhom sabiex setgħet tintlagħab din il-logħba.

It-tim tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kien magħmul minn:

Adrian Gatt, Riccardo Flask, Liam Farrugia, Chris Falzon, Jordi Farrugia, Josef Galdes, Matthew Vassallo, Mark Muscat, Stephen Azzopardi, Andrea Aquilina, Francesco Borg, Matteo Desira Buttigieg, u Omar Farrugia (Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi).

It-tim tal-personalitajiet kien magħmul minn:

L-atturi Alvin Cacciatolo u Matthew Sant Sultana, Sven Fabri u Andriy John minn Love Island, il-kantawtur Kevin Paul Calleja, Karl Bonnici runner-up f’Big Brother Malta, Kurt Borg minn Vibe FM, Carlos Farrugia li hu ferm magħruf fid-drama lokali, Stephen Mifsud magħruf għall-karattru ta’ Carmelo Arancini fis-satira Min Imissu?, Richard Aquilina rebbieħ tar-raba’ staġun ta’ X-Factor u l-komiku Kevin Naudi.

Dawk kollha li ħadu sehem taw id-donazzjoni tagħhom u l-GħĠS għamlet l-ammont finali għal €650. Din id-donazzjoni ġiet ippreżentata lil Puttinu Cares minn Lorraine Cunningham u Stephen Azzopardi, is-Segretarju Ġenerali u l-Amministratur tal-GħĠS rispettivament.

Għal darb’oħra dan l-avveniment wera biċ-ċar il-qawwa tal-għaqda li jġib miegħu l-isport flimkien mad-divertiment bil-għan li jgħaqqad il-komunità u jħalli impatt pożittiv lil min verament għandu bżonn.

Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi (Amministratur tal-GħĠS), Angele Cuschieri (President ta’ Puttinu Cares) u Lorraine Cunnigham (Segretarju Ġenerali tal-GħĠS).

Ritratti tal-logħba meħudin minn Matthias Brancelone: http://bit.ly/42Y1YHS