Jake Castaldi (Snooker) u t-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt it-18-il sena huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Awwissu.
Jake Castaldi ta’ 15-il sena huwa r-rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Isnooker ta’ taħt is-sittax-il sena. Fil-finali, li kienet waħda ferm missielta, Jake Castaldi għeleb lil Nick Muscat 4-3 u kellu break impressjonanti ta’ 55 punt. Castaldi rebaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar bħala tim f’Ottubru 2022 flimkien ma’ ħuh Chaylon, f’Novembru 2023 ma’ Steven Muscat u f’Novembru 2024 ma’ Dielyn Edwards.
Min-naħa l-oħra, it-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt it-18-il sena kiseb l-aħjar riżulat f’Kampjonat Ewropew ta’ kull età. Dan hekk kif għeleb lill-Ġermanja fil-penalty shootout u spiċċa fid-disa’ post fil-Kampjonat Ewropew li sar f’Oradea, fir-Rumanija. Ta’ min jgħid ukoll li ż-żgħażazagħ Maltin kienu diġa’ għelbu lill-Ġermaniżi aktar kmieni fil-fażi tal-gruppi tal-istess kompetizzjoni,
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Antvin Monseigneur, is-Segretarju Ġenerali Joanna Camilleri u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: (mix-xellug) Enrico Mallia (Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt it-18-il sena) u Jake Castaldi (Champion tal-Isnooker ta’ taħt is-sittax-il sena).
Leave A Comment