minn Pamela Schembri fi Stamford Bridge, Londra

Chelsea rebħu t-tieni logħba ta’ ħbiberija tal-VisitMalta Weekender meta l-Ħadd waranofsinhar lagħbu kontra AC Milan fi Stamford Bridge.

Qabel bdiet il-logħba Chelsea mmexxija mill-Captain James Reece u l-kowċ Enzo Maresca ħarġu jippreżentaw it-trofew tal-Club World Cup lill-partitarji u dawk preżenti.

Għal din il-logħba, Enzo Maresca għamel xejn anqas minn sitt tibdiliet fil-line up inizjali meta mqabbel ma’ kif beda nhar il-Ġimgħa kontra Bayer Leverkusen.  Hu ddeċieda li din id-darba jibda lil Tosin Adarabioyo, Pedro Neto, Enso Fernandez, Jamie Gittens u Joao Pedro.  Intant Massimiliano Allegri beda biss lil Yunus Musah, meta mqabbel mal-bieraħ hekk kif huma kellhom logħba ta’ ħbiberija kontra Leeds United, liema logħba spiċċat fi draw ta’ 1-1.

Chelsea fetħu l-iskor wara sitt minuti logħob permezz ta’ awtogowl ta’ Andrei Coubis li kien sfortunat li dawwar freekick tal-captain tal-blues Reece James f’gowl. Minuta biss wara, Joao Pedro għamilhom 2-0 meta rċieva ballun mil-lemin mingħand Pedro Neto u, minn quddiem il-lasta, skorja b’daqqa ta’ ras li biha għeleb lill-goalkeeper ta’ AC Milan, Mike Maignan.

Fit-18-il minuta Milan spiċċaw bi plejer inqas, meta Andrea Coubis waqqaf lil Joao Pedro f’opportunità ċara ta’ skor. Ir-referee ma ħasibhiex darbtejn u wera karta ħamra diretta lill-plejer Rumen.

Chelsea marru viċin li jkabbru l-iskor meta freekick ta’ Cole Palmer laqat il-wieqfa.  Intant Milan kellhom goal ta’ Leao mħassar għal offside.

Yunus Musah jiġbed lil Estevao fil-kaxxa, ir-referee Salisbury jordna penalty.  Fis-67 minuta, is-sostitut Liam Delap jinkariga mill-penalty u mill-11-il metru ma jfallix biex hekk jiskorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Bridge.

Fis-70 minuta, AC Milan naqqsu d-distakk għal 3-1, meta Youssouf Fofana spara fix-xibka mill-viċin war li rċieva mingħand il-Belġjan Saelemaekers.

Chelsea għamluhom erbgħa fid-90 minuta, meta Liam Delap b’xutt ċentrali lejn il-kantuniera xellugija tal-lasta.

Fl-aħħar tal-logħba l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Carlo Micallef preżenta t-tazza lil Reese James captain ta’ Chelsea rebbieħa tat-tieni logħba tal-VisitMalta Weekender.

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, permezz ta’ VisitMalta, li hija l-isponsor uffiċjali tal-VisitMalta Weekender organizzat din l-inizjattiva li qed tpoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala destinazzjoni vibranti u ta’ klassi dinjija. Permezz ta’ dan il-partnership mal-klabb ta’ Chelsea, il-partitarji setgħu jgawdu taħlita unika ta’ sport, kultura u turiżmu. Qabel il-logħba tal-lum, il-brand VisitMalta dehret b’mod prominenti f’punti strateġiċi bħall-istess stadium ta’ Stamford Bridge u l-istazzjon tal-Underground ta’ Fulham Broadway, toffri lil dawk preżenti togħma viżiva ta’ dak kollu li toffri Malta.

Line-ups

Chelsea: Robert Sanchez, Marc Cucurella, Tosin Adarabioyo, Pedro Neto, Enzo Fernandez, Cole Palmer, Jamie Gittens, Joao Pedro, Trevoh Chalobah, Reece James (C), Moises Calcedo

Subs: Filip Jorgensen, Gabriel Slonina, Liam Delap, Dario Eussugo, Andrey Santos, Jorrel Hato, Malo Gusto, Aaron Anselmino, Tyrique George, Josh Acheampong, Estevao, Samuel Rak-Sakyi, Genesis Antwi, Reggie Walsh.

AC Milan: Mike Maignan (C), Samuele Ricci, Ruben Loftus-Cheek, Rafael Leao, Youssouf Fofana, Fikayo Tomori, Filippo Terracciano, Davide Bartesaghi, Andrei Coubis, Alexis Saelemaekers, Yunus Musah

Subs: Pietro Terracciano, Pervis Estupinan, Santiago Gimenez, Luka Modric, Noah Okafor, Samuel Chukwueze, Ardon Jashari, Strahinja Pavlovic, Diego Sia, Matteo Dutu, Matteo Pittarella, Vitor Eletu, Matteo Gabbia, Lorenzo Torriani.

Referee: Michael Salisbury

Ritratti: VisitMalta