National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Team Gaudos rebaħ it-tieni unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Marzu u April.
Team Gaudos magħmul mill-Għawdxin Stephen Grima u Brandon Sultana sar l-ewwel tim minn Malta li temm l-Absa Cape Epic li saret fl-Afrika t’Isfel, f’Marzu li għadda. Team Gaudos spiċċa fil-266 post overall minn 743 tim parteċipant. Grima u Sultana għamluha f’ħin totali ta’ 38 siegħa, 7 minuti u 10 seckondi.
Din it-tiġrija iebsa bil-mountain bikes mifruxa fuq tmint ijiem, fuq distanza ta’ 600 kilometru u b’elevazzjoni ta’ 16,500 metru. Il-parteċipanti raw ma’ wiċċhom kundizzjonijiet klimatiċi estremi bħal temperaturi ta’ 51°C flimkien ma’ xita torrenzjali, riħ qawwi u toroq mimlijin bit-tajn.
Stephen Grima ingħata l-midalja Cape Epic hekk kif għamel ukoll l-Andorra Epic u l-iSwiss Epic sabiex ġie rikonnoxut bħala Cape Epic Legend.
Brandon Sultana wkoll irċieva l-istess midalja wara li għamel l-iSwiss Epic u qed jimmira biex huwa wkoll bħal Grima jsir it-tieni Cape Epic Legend Malti.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc, qal: “Kburin li nappoġġjaw u niċċelebraw il-kisba eċċezzjonali ta’ Team Gaudos f’wieħed mill-aktar avvenimenti ta’ reżistenza impenjattiva fid-dinja. Ir-reżiljenza, il-ħidma bħala tim, u l-impenn tagħhom jinkorporaw l-ispirtu tal-IZIBET Elite Athlete Award. Hija ta’ ispirazzjoni li tara atleti Maltin jegħlbu diversi ostakli fix-xena internazzjonali tal-isport.”
Min-naħa tagħha Lorraine Cunnigham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport qalet, “Huwa ta’ pjaċir għalina li permezz ta’ dan l-unur qed jirnexxielna nagħtu għarfien lil atleti li forsi huma jew l-isport li jipprattikaw ma jkunux daqshekk magħrufa mal-pubbliku in ġenerali u ta’ dan nirringrazzja lil National Lottery u l-brand tagħhom IZIBET. Wieħed irid bilfors jammira u japprezza d-determinazzjoni u d-dixxiplina eżerċitata fi sport li jkun qed jisfida mhux biss is-saħħa tal-ġisem iżda wkoll dik mentali meta apparti l-istamina u t-taħriġ li wieħed għandu bżonn biex imur jikkompeti f’dawn it-tip ta’ tlielaq jibqa l-fatt li qatt ma tkun ippreparat biżżejjed għall-elementi ħorox tat-temp li mhumiex normali f’pajjiżna.”
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/
Ritratt: (Mix-xellug) Lorraine Cunningham (Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports), Stephen Grima u Brandon Sultana (Team Gaudos) u Clinton Buhagiar (President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports).
Leave A Comment