Matul il-ġimgħa li għadha kemm intemmet, l-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) ipparteċipat fis-87 kungress tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti Sportivi (AIPS), li sar fil-belt kapitali tal-Marokk, Rabat u għalih attendew is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham flimkien mal-President Onorarju u membru fil-Kumitat Eżekuttiv Sandro Micallef.

B’attendenza ta’ kważi 90 pajjiż minn 4 kontinenti, dis-sena kienu diskussi diversi temi u avvenimenti sportivi li se jkunu qed iseħħu matul din is-sena u jkomplu fl-2026. Fost is-suġġetti ppreżentati kien hemm l-Olimpjadi tax-xitwa f’Milano Cortina, l-Olimpjadi taż-żgħażagħ f’Dakar is-sena d-dieħla kif ukoll l-logħob tal-FISU f’Rhine-Ruhr il-Ġermanja din is-sena.

Matul it-tlett ijiem saru diversi fora u diskussjonijiet bis-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham tkun waħda mill-membri tal-panel fil-forum dwar l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa fil-ġurnaliżmu sportiv. Taħdidiet oħra kienu dwar il-konvenzjoni ta’ Saint Denis, il-ġurnaliżmu investigattiv, l-intelliġenza artifiċjali, il-logħob illegali fl-isports u l-content creators.

Saru wkoll preżentazzjonijiet mill-FIFA, UEFA, l-IOC, Special Olympics, l-IJF, iċ-Ċentru tal-isport tal-Karibew u l-Federazzjoni Marokkina tal-iSport.

Matul il-kungress saru wkoll is-sezzjonijiet kontinentali fejn l-GħĠS ipparteċipat f’dak tal-Ewropa taħt il-presidenza ta’ Charles Camenzuli. Din kienet sessjoni importanti hekk kif għall-ewwel darba kien ippreżentat statut għall-approvazzjoni tad-delegati fejn il-parteċipazzjoni ta’ Lorraine u Sandro kienet waħda strumentali biex seta’ jkun iffinalizzat u approvat dan id-dokument.

Fl-aħħar ġurnata d-delegati preżenti riedu jiddeċiedu l-lokalità ta’ fejn se jsir il-kungress li jmiss u hawn għal darb’oħra ż-żewġ delegati Maltin kienu voċiferi u parteċipi matul id-diskussjonijiet animati tal-ġurnata.

Bħalma ġara fl-aħħar edizzjonijiet fl-ewwel jum tal-kungress saru l-awards annwali tal-midja sportiva filwaqt li fi tmiem tal-kungress id-delegati kellhom l-opportunità jżuru l-faċilità pjuttost ġdida tal-Federazzjoni Marokkina tal-Futbol li fiha fost l-oħrajn isir it-taħriġ tat-timijiet nazzjonali tal-Marokk tal-futbol u l-futsal.