Brian Alejandro Parada u Stefan Cassar huma r-rebbieħa tat-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn Jannar u Marzu 2025.

Dan il-premju ta’ kull tliet xhur huwa mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni ma’ Together Gaming Solutions. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.

Il-ġest ta’ Fair Play ġie rappurtat nhar il-Ħadd 19 ta’ Jannar 2025 waqt il-logħba tal-GFA BOV Gozo Football League tal-Ewwel Diviżjoni bejn Qala Saints FC u Xewkija Tigers FC li ntlagħbet fil-Gozo Stadium.

Dan il-konfront kien wieħed ferm kontestat miż-żewġ timijiet u Xewkija kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 3-1, filwaqt li t-tim ta’ Qala kien qed jagħmel minn kollox biex jirkupra l-iskor. Kien hawn li l-attakant ta’ Xewkija Brian Alejandro Parada ġera’ lejn il-ballun flimkien mall-avversarju tiegħu d-difensur Junior Adenilson Ferreira Dos Santos, b’dan tal-aħħar jaqa’ u jweġġa’ serjament. Minkejja l-opportunità li kellhom sabiex jiskurjaw, kemm Parada u kemm Stefan Cassar waqfu mill-ewwel l-attakk tagħhom sabiex jaraw li tingħata assistenza medika immedjata lill-plejer ta’ Qala Saints.

Min-naħa tiegħu, Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal, “Min-naħa tiegħu, Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal, “Ġest kbir bħal dan ħaqqu li jkun rikonoxxut għaliex mhux faċli li tieqaf tilgħab f’ħin kruċjali tal-partita. Dan juri kemm il-Fair Play u r-rispett jagħtu valur għoli lill-futbol. Prosit tassew liż-żewġ plejers!”

Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions, Charles Camenzuli f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm il-President Clinton Buhagiar.

Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.

Ritratt: Edward Licari (Direttur ta’ Together Gaming Solutions) Stefan Cassar u Brian Alejandro Parada (Xewkija Tigers F.C.), Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement) u Clinton Buhagiar (President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports).