Il-Ħamis 20 ta’ Ġunju saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports tas-sena 2019 li fiha ġew diskussi diversi suġġetti u ġew approvati aktar emendi fl-Istatut.

Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali ippreżentat ir-rapport amministrattiv tal-aħħar 12 -il xhar, perjodu li reġa’ kien impenjattiv għall-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports bi 12-il laqgħa uffiċjali u diversi laqgħat u ħidma oħra ma’ entitajiet governattivi u assoċjazzjonijiet sportivi.

Stephen Azzopardi ppreżenta r-rapport finanzjarju li fih kienet ikkonfermata s-sitwazzjoni finanzjarja pożittiva tal-Assoċjazzjoni.

Iż-żewġ rapporti kienu approvati mill-membri b’mod unanimu.

Fil-laqgħa ġie spjegat li l-emendi fl-Istatut kienu neċċessarji sabiex l-Għaqda Ġurnalisti Sports tkun konformi mat-talbiet tal-Kummissarju tal-Organizazzjonijiet Volontarji hekk kif l-Għaqda Ġurnalisti Sports qedgħa fil-proċess li tkun rikonoxxuta uffiċjalment bħala organizazzjoni volontarja.

Fid-diskors tiegħu fl-għeluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali l-President Sandro Micallef rringrazzja lil SportMalta tal-għajnuna u tal-kollaborazzjoni matul is-sena. Hu ta dettalji tal-programm ta’ attivitajiet li i se jkunu organizzati fis-sena 2020 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena anniversarju mit-twaqqif tal-GħĠS lura fis-sena 1970 u l-anniversarju tas-60 sena mill-ewwel edizzjoni tal-Isportivi Nazzjonali fl-1960.