Kif kien xieraq il-Ġimgħa 7 ta’ Dicembru, dakinhar li tħabbret il-mewt tal-eks President tagħha Henry Calleja fl-età ta’ 77 sena, l-Għaqda Ġurnalisti Sports sellmet lil dan il-ġurnlist veteran li għal aktar minn ħamsin seklu baqa’ attiv fil-media tal-isport u l-iżvilupp li twettaq.

Henry Calleja jibqa’ sinonimu mal-ewwel snin ta’ xandiriet tal-Isport permez tar-Rediffusion fis-snin sittin u aktar tard fuq Radju Malta fi żmien meta flimkien ma’ Frank Camilleri, Mario Meli, Twanny Buhagiar bdew jgħatu spazju lil sport ieħor mhux bilfors il-futbol.  Kien preżentatur ta’ diversi programmi tal-Isport fuq Xandir Malta u aktar tard bħala PBS. Hu kellu wkoll sehem fil-ġurnaliżmu stampat b’esperjenza fi ħdan bosta ġurnali lokali fosthom il-Ħajja, The Independent u aktar qabel fil-ġurnal The Bulletin. Fl-aħħar snin huwa kien kontributur ukoll f’bosta ġurnali u publikazzjonijiet fosthom in-Nazzjon.

Jien li kelli l-opportunita’ naħdem mill-qrib ma’ Henry niftakru dejjem isegwi l-isport b’attenzjoni kbira u b’mod metikoluż. Henry Calleja bħala wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports fl-1970 kien strumentali fl-iżvilupp amministattiv fi ħdan l-istess Għaqda tal-Ġurnalisti tal-Isport meta dak iż-żmien kien jisimha Għaqda Kittieba Sports. Meta laħaq President fl-1987 meta ħa t-tmexxija minn għand Fr.Hilary Tagliaferro l-ewwel sfida kienet kif l-għaqdiet nazzjonali tal-isport jersqu aktar lejn il-media tal-isport. Niftakar kemm kien importanti għalih kien is-Seminar Nazzjonali li għal bosta snin baqa’ jsir flimkien mal-istess għaqdiet u li kien xprun biex aktar gurnalisti bdew ikunu speċjalizzati l-akjtar fil-basketball, waterpolo, tiġrijiet taż-żwiemel kif ukoll billiards u snooker.

Matul l-istess perjodu ta’ Presidenza kienu bosta l-mumenti delikati fejn il-media tal-isport għamlet l-almu tagħha biex tikber l-awtonomija u fl-istess waqt twettaq reazzjoni fil-ħarsien tad-drittijiet tal-media. Tispikka d-deċiżjoni li kienet ittieħdet fil-konfront tal-eks President tal-MFA Dr. Joe Mifsud minħabba s-sospensjonijiet u irtirar ta’ akkreditu tal-ġurnalisti Tonio Farrugia u Mario Pisani. Dakinhar dawk preżenti għal Press Conference kienu kollha ħarġu barra bi protesta fil-mument meta beda l-indirizz tiegħu l-Avukat Mifsud.

Calleja baqa’ President sas-sena 2003 . L-Għaqda Ġurnalisti Sports is-sena li għaddiet kienet ħatritu bħala wieħed mill-Presidenti Onorarji tagħha. Calleja kien ukoll edukatur u għalliem b’karriera vasta  fl-amministrazzjoni tal-Isport fejn għal xi snin kien rapreżentant tal-Għaqda Kittieba Sports fuq il-Bord fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport. Wara t-telfa ta’ 12 – 1 li t-tim Malti kien sofra kontra Spanja fis-snin ’80 kien għamel parti minn Bord ta’ Inkjesta b’rabta mal-istess partita. Niftakar li kien serva wkoll għal bosta snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Club tal-waterpolo ta’ San Ġiljan.

Ma dawn id-dettalji li qed niftakar jien u nikteb din it-tifkira jiżdiedu żgur diversi kontrubuzzjonijiet oħra li żgur jiftakruhom id-diversi kollegi u ħbieb li kellhom l-opportunita’ jaħdmu ma’ Henry.

Strieħ fis-sliem ħabib u kollega.

 

Charles Camenzuli

Eks President Għaqda Ġurnalisti Sports
President AIPS Europe