L-Eżekuutiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellu laqgħa formali ukoll mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isports David Agius.

L-Ogħla uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports rrimarkaw b’sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni reġgħet appuntat lis-Sur Agius bħala kelliem dwar l-Isport iktar u iktar minħabba li s-Sur Agius kellu passat fl-amministrazzjoni ta’ Club Sportiv.

David Agius tenna li f’ħafna deċiżjonijiet u proposti tal-Gvern li tressqu fl-aħħar leġislatura l-Oppożizzjoni dejjem ikkoperat mal-Gvern u offriet l-għajnuna sabiex jittieħdu diversi deċiżjonijiet u anke tat il-kontribut tagħha fit-Task Force li kienet twaqqfet mill-MFA fis-sena 2015 li waslet sabiex tkun imsaħħa l-liġi dwar il-Korruzzjoni fl-Isport.

Is-Sur Agius awgura kull suċċess lill-Eżekuttiv il-ġdid tal-GħĠS u awgura li l-President il-ġdid Sandro Micallef jimxi fuq il-passi tal-Presidenti predeċessuri tiegħu Fr Hilary Tagliaferro, Henry Calleja u Charles Camenzuli li kollha ħadmu sabiex l-Għaqda tisaħħaħ tul is-snin.

Sandro Micallef ħeġġeġ lill-Partit Nazzjonalista sabiex fil-programm elettorali tiegħu fil-futur iwiegħed Ministeru totalment dedikat lill-Isport. Hu ħeġġeġ lill-kelliem tal-PN sabiex bi qbil mal-Partiti Politiċi oħra jkun hemm qbil li tiżdied l-għajnuna  lill-Assoċjazzjonijiet sportivi billi fost l-oħrajn kull assoċjazzjoni serje jkollha ħaddiem miċ-ċivil assenjat magħha bir-rwol ta’ amministratur bl-isforz aħħari jkun il-professjoanliżmu.

Fil-laqgħa ġew diskussi diversi materji oħra fosthom ir-rwol tal-Għaqda Ġurnalisti Sports bħala entita’ li tista’ timbotta sabiex l-isport jitla’ aktar ‘il quddiem fuq l-aġenda tal-pajjiż.

Jakkumpanjaw lis-Sur Agius kien hemm id-Deputat Robert Arrigo u diversi membri ta’ TimSport PN.

Ritratti: Domenic Aquilina