unnamed (6)SportMalta flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports se jkunu qed jorganizzaw edizzjoni oħra ta’ Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali.  Serata li tkun mistennija ħafna mid-dilettanti tal-isport lokali speċjalment mill-atleti, coaches u amministraturi Maltin.

Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali għandhom storja ta’ ’l fuq minn 55 sena fejn dawn l-għażliet żviluppaw minn sena għal sena. Sa mill-ewwel edizzjoni, li rat lil Wilfred Pirotta fl-1960 jirbaħ l-unur tal-Isportiv tas-sena, sal-lum fejn dan l-avveniment kiber fil-popolarità tiegħu kemm bil-parteċipazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet, il-ġurnalisti tal-isport u anke l-pubbliku ġenerali.

F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw id-dettalji għall-edizzjoni ta’ din is-sena, tkellem is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius li wera s-sodisfazzjon tiegħu li għal sena oħra żewġ entitajiet separati qed jaħdmu flimkien għal għan wieħed.   Huwa kompla jgħid li f’pajjiż bħal Malta, li huwa ċkejken fid-daqs u r-riżorsi, ma jistax jkun mifrud bi tribujiet.  Huwa enfasizza wkoll li għandu jkun hemm rispett reċiproku bejn l-atleti, l-coaches, l-amministraturi u l-ġurnalisti.  Dan l-aħħar sena esperjenzajna diversi inċidenti li tappnu lix-xena sportiva f’pajjiżna imma dan m’għandux ixejjen ċ-ċelebrazzjoni li ssir permezz ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali 

Mark Cutajar, Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv qal li għalkemm jifhem li din l-okkażżjoni hija ċelebrazzjoni tal-kisbiet tal-isportivi Maltin, huwa konxju min-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tagħha,  għalhekk hu stqarr li minkejja serata mill-aqwa dan l-investiment dejjem isir b’reponsabbilta’ kbira.  Semma wkoll li t-trasparenza hija wkoll mira oħra li dan il-Kumitat Organizzattiv ħadem għaliha.  Huwa ta dettalji dwar is-serata finali li ser ssir fil-25 ta’ Frar f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u li ser tkun preżentata mill-ġurnalista Pamela Schembri.  Cutajar qal ukoll li fl-istess ċentru fis-7 ta’ Frar ser ssir it-tħabbira tal-finalisti waqt ċerimonja apposta.  Għall- edizzjoni ta’ din is-sena ġew ikkonfermati l-awards tradizzjonali dawk ta’: sportiv, sportiva, żagħżugħ, żagħżugħa, tim, kowċ u uffiċjal tas-sena, bis-soliti rikonoxximenti jmorru għand l-atleti ta’ Special Olympics Malta, l-aħjar sportiv Għawdxi u l-avveniment tas-sena  u l-People’s Choice Award li jkun magħzul mill-pubbliku.  Cutajar qal ukoll li biex jikkumplimenta din is-serata hemm ukoll spettaklu televiżiv.  Huwa temm billi rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy għall-kollaborazzjoni tieghħ u tal-istazzjon nazzjonali għal dan l-avveniment li din is-sena ser ikun ikbar mis-snin l-imgħoddija

Sandro Micallef Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports min-naħa tiegħu rringrazzja lil SportMalta tal-ftehim estiż sabiex l-Isportivi Nazzjonali jkunu organizzati għat-tmien sena konsekuttiva b’mod konġunt. Hu appella lis-Segretarji tal-Assoċjazzjonijiet sabiex jipparteċipaw fil-proċess tan-nominazzjonijiet li se jaghlaq fl-20 ta’ Jannar u inkoraġixxa lill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex jikkonkorru kif dejjem għamlu meta jibda l-proċess tal-votazzjoni sabiex minn 10 finalisti jintgħażlu biss ħamsa qabel il-votazzjoni finali live waqt is-serata.

Iċ-Ċermen ta’ SportMalta, Luciano Busuttil qal li din is-serata għandha sservi ta’ vetrina għall-atleti tagħna biex iservu ta’ role models għal dawk li jixtiequ jagħmlu dak l-isforz żejjed u jidħlu fil-kamp tal-isports professjonali.

Storja tal-Isportivi Nazzjonali.

Għaddew 55 sena minn meta l-mibki Benny Pace twebbel li bis-saħħa tal-ġurnal tiegħu The Sporting Star joħloq l-Isportivi tas-Sena. Dak iż-żmien kienet biss għażla popolari bil-qarrejja li jkunu huma li jaraw min kien ħaqqu jirbaħ l-ogħla unur tal-isport f’pajjiżna. Minn dawk iż-żminijiet inbidlu ħafna affarijiet fejn għal snin twal il-votazzjoni għall-finalisti u eventwalment rebbieħa kienet issir mill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, dakinhar waqt is-serata bl-użu tal-famużi paletti bin-numri, u snin wara l-votazzjoni kienet issir ftit jiem qabel il-finali. Il-Kumitati Organizzattiv tal-aħħar edizzjonijiet ħadu ħsieb li l-votazzjoni terġa’ tmur għall-oriġini tagħha b’votazzjoni live waqt is-serata nnifisha ovvjament b’teknoloġija moderna u iktar professjonali.

Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali ta’ din is-sena se jsiru nhar is-Sibt 25 ta’ Frar 2017 fis-Sala tal-Konferenzi ta’ Dar il-Mediterran il-Belt Valletta  u s-serata se tixxandar diretta fuq TVM2 bit-trasmissjoni tibda fit-8.15pm.