GhGS - Meeting with MBAIl-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għamel laqgħa ta’ korteżija lill-ogħla uffiċjali tal-Malta Basketball Association fil-Kwartieri tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali.

Fil-laqgħa ġew diskussi bosta suġġetti marbuta mal-ħidma tal-ġurnalisti u kif il-media lokali tista’ tkun proattiva iktar fir-rapporti dwar il-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-Malta Basketball Association.

Il-President tal-MBA Paul Sultana u s-Segretarju Ġenerali Joe Muscat flimkien mad-delegazzjoni tal-GħĠS żaru l-kumpless ġdid li huwa infrastruttura mill-aktar moderna u li fih l-Assoċjazzjoni investiet bil-bosta. Dan jinsab biswiet il-Padiljun fejn isir il-logħob uffiċjali u li qed iseri sabiex Clubs lokali kif wkoll tfal u żgħażagħ ikollhom iktar spazju u ħin jipprattikaw dan l-isport.

Waqt il-laqgħa ufficjali ntlaħaq ftehim fejn l-MBA aċċetat ukoll it-talba li l-media card tal-Għaqda Ġurnalisti Sports tkun rikonoxxuta wkoll minn din l-assoċjazzjoni, B’hekk l-MBA ingħaqdet ukoll ma diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra li jirrikonoxxu l-media card tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Iż-żewġ naħat qablu wkoll li mill-edizzjoni ta’ din is-sena is-Super Cup tal-MBA se tingħata l-isem ta’ Għaqda Ġurnalisti Sports Super Cup.

Id-Delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet magħmula mill-Presidnet Charles Camenzuli, l-Viċi President Mario Bonnici, Sandro Micallef bħala Segretarju Ġenerali u Nigel Mifsud responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Dawn il-laqgħat huma parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-eżekuttiv tal-GħĠS għamel mill-bidu ta’ dan it-terminu ta’ erba’ snin. Laqgħat simili saru mal-MFA, l-ASA u l-KMS kif wkoll saru laqgħat mal-amministraturi tal-isport f’Għawdex. Fil-ġimgħat li ġejjien huwa ttamat li jsiru laqgħat simili Malta Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll mal-Malta Racing Club.