sportivi nazzjonali group photoL-Edizzjoni 2014 li kienet l-54 edizzjoni minn meta dan l-avveniment beda jkun organizzat fl-1960 ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-Għaqda Ġurnalisti Sports b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport.

Claudio Cassar, li rebaħ it-titlu mondjali fil-Kampjonati tal-Black Ball Pool li saru f’ Perth fl-Iskozja kellu sfida mit-tiratur żagħżugħ Nathan Lee Xuereb filwaqt li Sue Abela, in-numru 1 fit-ten pin bowling , rebħet żewġ midalji tal-fidda fil-Kampjonati tal-Mediterran, midalja tal-fidda fil-Masters Events u waħda tad-deheb fil-kategorija tas-Singles. Abela kellha sfida qawwija minn Rebecca Camilleri li kellha wkoll staġun mill-aqwa fl-atletika.

Waqt l-istess serata ta’ premjazzjoni t-tim nazzjonali tal-irġiel tal-waterpolo ġie ivvutat bħala l-aqwa tim tas-sena. Dan it-tim spikka hekk kif rebaħ l-EU Nations Cup li saret f’Limerick u spiċċa anke fit-tieni post fil-Kampjonati tal-Commonwealth. L-istess tim rebaħ il-Malta International Cup. Il-kowċ ta’ dan it-tim, Karl Izzo fil-fatt ġie ivvutat bħala l-aqwa kowċ tas-sena meta għeleb l-isfida tal-kowċ nazzjonali tat-tim tal-futbol tal-irġiel Pietro Ghedin.

Minbarra dawn il-kategoriji din id-darba żdied ukoll l-unur għaż-Żagħżugħa tas-sena. It-tiratur Nathan Lee Xuereb rebaħ fil-kategorija tal-irġiel ghar-raba’ sena konsekuttiva filwaqt li Sara Xuereb tat-Tenpin Bowling rebħet fil-kategorija tan-nisa. L-istess Nathan Lee Xuereb rebaħ anke kategorija magħrufa bħala – People’s Choice Award li għaliha vvutaw kemm l-għaqdiet nazzjonali tal-isport kif wkoll il-pubbliku.

Minbarra dawn il-kategoriji kien hemm ukoll kategoriji oħra li ntagħżlu minn bordijiet separati:

o L-aħjar atleta mara ta’ Special Olympics – Charmaine Mifsud

o L-aħjar atleta raġel ta’ Special Olympics – Jonathan Camilleri

o L-aħjar avveniment għas-sena 2014 – Kampjonati Ewropej tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena organizzat mill-Malta Football Association.

o L-isportiv Għawdxi ngħażel ir-referee tal-futbol Mario Apap

Ir-rebbieħa kollha fl-Edizzjoni 2014 ta’ Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali li għalihom ivvutaw tmien ġurnalisti membri tal-Għ.Ġ.S huma :

o Sportiv tas-Sena : Cassar Claudio (Eight Ball Pool)

o Sportiva tas-Sena : Abela Sue (Ten Pin Bowling)

o Uffiċjal tas-Sena : Cassar Joe (Futbol)

o Kowċ tas-Sena : Izzo Karl (Waterpolo)

o Żagħżugħ tas-Sena : Xuereb Nathan Lee (Sparar)

o Żagħżugħa tas-Sena : Xuereb Sara (Ten Pin Bowling)

o Tim tas-Sena : Waterpolo – Tim Nazzjonali ‘A’

Waqt is-serata ta’ premjazzjoni li kienet ippreżentata minn Mario Bonnici, dawk preżenti kienu ndirizzati minn Charles Camenzuli – President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport , Dr.Luciano Busuttil – Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport , Mark Cutajar – Chairman tal-Kumitat Organizattiv kif wkoll mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport l-Onor. Chris Agius.