Photo GhGS PBS meetingL-Għaqda Ġurnalisti Sports l-entita’ lokali li tirrapreżenta lill-ġurnalisti, reporters u kummentaturi tal-Isports kellha laqgħa fil-jiem li għaddew mal-għola diriġenti tal-Public Broadcasting Services.

Għal din il-laqgħa id-delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports immexxija mill-President Charles Camenzuli iltaqgħet maċ-Chairman tal-PBS Dr. Tonio Portughese, mal-Kap Eżekuttiv is-Sur Anton Attard u mal-Manager Sports is-Sur Peter Cossai.

F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi materji fosthom id-deċiżjoni li ħadet il-PBS li xxandar il-kummentarji tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja 2014 bil-kummentarju bl-ingliż.

Filwaqt li ż-żewġ naħat iċċaraw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom fuq din id-deċizjoni ġie maqbul li ż-żewġ naħat jikkolaboraw ma’ xulxin fil-futur bil-għan li jiġi ssalvagwardjat ix-xogħol siewi u professjonali li jsir mill-maġġoranza tal-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Il-PBS għarfet lill-GħĠS li l-kumpanija se taghti spazju kbir lill-ġurnalisti sportivi lokali biex jieħdu sehem fil-ħafna programmi ta’ diskussjoni u analiżi dwar il-logħob tat-Tazza tad-Dinja matul il-kompetizzjoni.

Matul il-laqgħa li kienet waħda kordjali ħafna iċ-Chairman tal-PBS Dr Tonio Portughese rrikonoxxa l-ħidma u s-sagriffċji b’mod partikolari tal-kummentaturi Maltin u tenna li d-deċiżjoni li l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja jixxandru bil-kummentarju bl-ingliż ma ttieħdiietx b’ebda nuqqas ta’ rispett jew nuqqas ta’ fiduċja lejn il-kummentaturi Maltin, iżda d-deċiżjoni kienet purament waħda kummerċjali.

Intant ġie miftiehem li l-PBS u l-Għaqda Ġurnalisti Sports se jimbarkaw fuq l-organizazzjoni ta’ kors ta’ taħriġ  li se jsir f’Malta matul is-sena 2014 fejn se jinġiebu żewġ kummentaturi ta’ fama internazzjonali speċifikament biex iħarrġu lill-kummentaturi tal-Isport Maltin sabiex jikber l-għarfien tagħhom dwar din il-professjoni.

Il-PBS se jgħin ukoll lill-istess Għaqda Ġurnalisti Sports fiċ-ċerimonja tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali li se ssir fil-31 ta’ Jannar u li se tixxandar fuq TVM2 fil-jiem ta’ wara.