_DSC8097Dan t’hawn taħt hu d-diskors ta’ Charles Camenzuli President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li għamel waqt l-edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali liema edizzjoni saret is-Sibt li għadda. Dan kien l-aħħar diskors ta’ Camenzuli bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-isport ta’ Malta hekk kif f’Mejju li ġej mistenni jirriżenja minn din il-kariga sabiex jibda jokkupa l-kariga ta’ President tal-AIPS Europe.


Sinjuri, mill-aħħar edizzjoni ta’ dawn l-Għażliet għaddiet sena u tnax il-ġurnata. Tiftakru dak li għedt fl-indirizz tiegħi dakinhar li għal ġimgħat kien ħoloq element ta’ diskussjoni. Naħseb li l-messaġġ wasal.

Wħud taw każ u persważ li b’sens ta’ maturita’ fehmu dak li xtaqt li min jaħdem fi ħdan l-għaqdiet nazzjonali għandu jibda jiddistingwi bejn kompetizzjoni u oħra u bejn riżultat u ieħor. Sa hawn kollox sew.

Wasal issa ż-żmien li l-media tal-isport wkoll trid tkompli tiżviluppa.

Wasal iż-żmien li lilhinn mill-informazzjoni li tasal mill-assoċjazzjonijiet, min jirċievi l-informazzjoni huwa fid-dover li jmur lil hinn u jgħamel evalwazzjoni dwar liema kompetizzjoni, kampjonat jew parteċipazzjoni ikun jixraq li tingħata prominenza.

Dejjem tgħallimt li l-verifika mhemmx isbaħ minnha u fil-qasam tal-media il-verifika hija fattur sagrosant.

Klassifikazzjoni ta’ riżultati hija essenzjali iżda daqstant ieħor il-media trid tibda’ titgħallem kif tagħmel il-klassifikazzjoni tal-kompetizzjoni.

Eżempju: Jiddispjaċini ninnota li hemm minn ipoġġi fl-istess livell Kampjonati Ewropej.

Ma tridx tkun bravu biex tiddistingwi bejn Kampjonat tal-Ewropa ta’ dixxiplina u Kampjonat tal-Ewropa ta’ oħra.

Kampjonati fejn ikollok 40 pajjiz Ewropew u oħrajn fejn ikollok 5 pajjiżi Ewropej….u xorta wieħed jippretendi li l-kreditu għandu jkun l-istess.

Appell lil kollegi tal-media. Għamlu ir-riċerka u tibqgħux lura milli tipparagunaw.

Dan japplika wkoll għal bosta kampjonati ta’ Mediterran fejn minn 23 pajjiż ġieli jkollok biss 5 jew 6 u issa moda ġdida fejn qed ikun hemm Logħob tal-Istati Żgħar f’dixxiplini partikolari ġieli bi 3 pajjizi.

Agħar huwa meta ċerti assoċjazzjonijiet biex żgur meta jiġgħu lura jkollhom il-mument tal-glorja saru jgħażlu l-kompetizzjoni fejn jieħdu sehem għax ikunu jafu li f’dik il-kompetizzjoni kapaċi jirbħu. Huma każijiet iżolati imma li jsiru. Min jgħamel ir-riċerka tiegħu dan kollu jinnotah.

Din hija sitwazzjoni fejn il-media trid turi kemm veru mmaturat u kapaci tagħżel u mhux isservi ta’ notice board jew newsletter.

Ngħaddi għall-Għazliet .

Nahseb li wasal biex issir evalwazzjoni u l-mod kif il-media kapaci tkun responsabbli aktar. Wasal iż-żmien fejn ikun hemm ġurija selettiva fl-istadji kollha li jwasslu għall-għażla finali. Ġurija selettiva ta’ mhux aktar minn 12 -il ġurnalist li matul is-sena tagħmel monitoraġġ ta’ dak li jseħħ, u tkun l-istess ġurija selettiva li eventwalment twassal il-finalisti għal għażla finali. Naf li mhux xi ħaġa facli iżda jeħtieġ li ssir.

Qed ngħid dan għax għal darb’oħra bi kritika kien hemm preferenzi fl-ewwel fażi li juru li min ivvota ma kienx ippreparat.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet edizzjoni oħra li kienet xhieda kif Kumitat Organizattiv immexxi minn Mark Cutajar b’membri minn Sport Malta u l-Għaqda Ġurnalisti Sport (hawnhekk ippermettuli nirringrazzja lil Sandro Micallef – Segretarju Ġenerali għal volum ta’ xogħol imwettaq) flimkien iż-żewġ entitajiet komplew jiżviluppaw dawn l-Għażliet.

56 edizzjoni minn meta fl-1960 kien twebbel bihom Benny Pace . Minn dawn bħala ġurnalist ivvutajat fi 43 edizzjoni u kont fil-Kumitat Organiżattiv fi 36 edizzjoni minnhom.

Ma kienx hemm edizzjoni ma kellhiex xi ħaġa differenti.

L-Edizzjoni ta’ llum ser tkun differenti għaliex wara daqstant snin ser tkun l-aħħar waħda tiegħi bħala Uffiċjal tal-Għaqda Ġurnalisti Sport . Wara 13 -il sena President u aktar qabel aktar minn 20 sena bħala Segretarju illum hija l-aħħar dehra tiegħi fl-Isportivi bħala President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Din il-gimgha fil-Laqgħat tal-Eżekuttiv tal-AIPS li saru f’ pajjiżna  ġie kkonfermat li minn Mejju ta’ din is-sena  ser ikolli l-privileġġ u l-unur li nkun President ta’ AIPS Europe li tiġbor fiha 49 pajjiż membru u Vici President tal-AIPS għal 135 pajjiż madwar id-Dinja.

Bdejt karriera fil-qalba tal-ġurnalizmu tal-isport u l-amministrazzjoni tal-isport f’pajjiżna fl-1974 u wara 43 sena jekk ikolli nerġa nibda ma nbiddel xejn.

Kelli x-xorti li fi ħdan l-Għaqda Kittieba Sport naħdem ma kollegi mill-aqwa.

Tgħallimt ħafna u nibqa’ nitgħallem  – iżda nqis wkoll li bħala wieħed mill-veterani naħseb li f’dawn is-snin għallimt wkoll.

Grazzi lil dawk kollha li flimkien rajna l-Għaqda Kittieba Sports tiżviluppa għal mod kif inhi llum bħala Għaqda Ġurnalisti tal-Isport. Grazzi lil kollegi ġurnalisti, l-isportivi u amministraturi tal-isport li flimkien żviluppajna l-Isport Malta Awards l-Għazliet Sportivi Nazzjonali.

Grazzi tal-appoġġ fosthom tal-mara tieghi Anna li minkejja li rari tkun prezenti dejjem tgħatni kull appoġġ.

Nawgura success lil finalisti kollha tal-lum.

U minkejja li mhux bħala President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports l-appuntament huwa għas-sena d-dieħla.

Grazzi lil kulħadd.

Ritratt: Andrew Large