exec_comitee 24th apr

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports iltaqa’ iktar kmieni illum mas-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Riċerka u Sport Dr. Stefan Bountempo għall-ewwel darba sa minn mindu Dr Bountempo ingħata din il-kariga f’din il-legislatura.

Id-delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports immexxija mill-President Charles Camenzuli, ħadet l-opportunita’ li tispjega l-funzjoni tagħha fi ħdan il-ġurnalisti u reporters lokali li jsegwu l-iSport Malti.
Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm ir-relazzjoni futura u għajnuna mis-Segretarjat lejn l-GħĠS, il-futur tal-iSportivi Nazzjonali, is-sehem tal-GħĠS fi ħdan strutturi tal-Kunsill Malti għall-iSport kif ukoll inizjattivi favur l-introduzzjoni t’iktar korsijiet fl-istituzzjonijiet edukattivi bħal MCAST u l-Universita’ mmirati speċifikament lejn il-ġurnalizmu Sportiv.

Minn naħa tiegħu Dr Stefan Bountempo faħħar id-diversi inizjattivi tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fosthom l-introduzzjoni ta’ diversi seminars organizzati għall-membri tal-GħĠS. Hu faħħar ukoll is-sehem tal-ġurnalisti u tar-reporters tal-iSport favur it-tkabbir u iktar suċċess għall-iSport Malti.

Dr Bountempo kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-amministrazzjoni preżenti tal-GħĠS li għanda taħlita ta’ rapreżentanza t’esperjenza imħallta m’element żagħżugħ fit-tmexxija.

Finalment, Dr Bountempo irringrazzja lill-Għaqda Ġurnalisti Sports talli matul dawn l-aħħar snin dejjem onorat lil pajjizna permezz ta’ parteċipazzjoni proattiva f’diversi fora barra minn Malta, b’referenza diretta għall-kungressi internazzjonali kull sena organizzati mill-AIPS : l-Association International de la Press Sportive.