L-Għaqda Ġurnalisti Sports ilbieraħ ingħaqdet mal-ġurnalista Joanna Camilleri f’rapport li sar lill-Pulizija wara d-diversi kummenti sessisti, malafamanti u fosthom meqjusa wkoll bħala ‘Hate Speech’ li ċċirkolaw fuq diversi mezzi soċjali wara programm fuq l-istazzjonijiet tal-PBS dwar it-Tazza tad-Dinja 2022.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports timxi bil-fatti u kif imwiegħed ingħaqdet permezz tal-President tagħha Sandro Micallef b’rapport kunġunt mal-ġurnalista u preżentatriċi Camilleri b’turija ta’ solidarjeta u appoġġ assolut.

‘Huwa ta’ għajb li għad hawn nies jippruvaw jirredikolaw individwi u jaħsbu li ħadd ma’ jista’ għalihom għaliex jiktbu fuq il-mezzi soċjali, dan il-każ għandu jservi ta’ tagħlima lill-keyboard heroes kollha” qal Sandro Micallef.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports qalet li mhux se tkun qed tikkumenta iktar dwar dan il-każ u se tħalli l-proċċess jieħu l-perkors tiegħu, hekk kif għandha fiduċja sħiħa fil-Pulizija u fil-Qrati Maltin sabiex issir ġustizzja kif xieraq ma’ dawn l-individwi.