Il-komunita’ tal-media sportiva tinsab f’luttu hekk kif kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ l-eks ġurnalist sportiv u President attwali tal-Federazzjoni Maltija tal-Lotta Simon Bonello.

Simon Bonello kien mill-Furjana u miet fl-eta’ ta’ 85 sena. Għal diversi snin hu kien membru fl-Għaqda Ġurnalisti Sport aktar qabel magħrufa bħala Għaqda Kittieba Sport fejn serva bħala Viċi President. Sal-llum huwa kien membru onorarju ta’ l-Għaqda.

Huwa kien introduċa l-isport tal-Lotta f’Malta fl-1967 fejn waqqaf il-Federazzjoni sentejn wara pero l-aktar sport li kkontribwixxa għalih fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv kien dak tat-tiġrijiet taż-żwiemel fejn għal bosta snin kien jirraporta mill-Korsa tal-Marsa u jikteb artikli fuq it-Times u n-Nazzjon, jaġġorna dwar it-tiġrijiet fuq Net TV u saħħansitra kellu programm televiżiv bl-isem ta’ Sulky fuq l-Isports Channel.

Barra t-Tiġrijiet taż-Żwiemel u l-Lotta fis-snin 70 kien serva bħala President tal-Federazzjoni tal-Weightlifting, ta’ l-Assoċċjazzjoni tal-Bodybuilding u tal-Federazzjoni taċ-Chess. Kien ukoll referee stabbilit tal-Lotta. Għal snin twal kien membru fl-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti fejn serva wkoll bħala viċi President u Direttur tas-Settur Żagħżagħ.

Bonello kien ukoll bniedem sportiv fejn kien jilgħab il-cricket mal-Furjana kif ukoll it-table tennis u ċ-Chess. Simon Bonello kien ukoll ħames darbiet finalist fil-kuntest ta’ l-Isportivi Nazzjonali.

F’isem il-Kumitat Eżekuttiv u l-Membri kollha ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport inwasslu l-kondoljanzi lil familja u l-qraba kollha tiegħu.

Il-Funeral ser isir nhar l-Erbgħa fit-3:00 pm fil-Parroċċa ta’ San Publiju l-Furjana.